Maltesecollage







Merħba fil-Moviment Madonna tal-Konsagrazzjoni.
L-għan ta' dan il-Moviment huwa li jxerred devozzjoni lejn it-titlu ġdid Madonna tal-Konsagrazzjoni u lejn il-Verġni Mbierka permezz tal-konsagrazzjoni ta'individwi u familji, kif ukoll tas-soċjetà.
  • ĠUŻA MIFSUD

    U L-ĠRAJJIET TAL-GIRGENTI

    MINN HI ĠUŻA MIFSUD?

    "Minn jien? Jien ma jien xejn. Jiena x-xejn aħjar minni!" Hekk kienet twieġeb Ġuża Mifsud, bint Sidor u Nicolina nee' Cassar lil kull min kien isaqsiha xi ħaġa dwarha personali. Twieldet is-Siġġiewi, Malta, fis-27 ta' Jannar 1923 u kienet l-iżgħar minn seba' aħwa. Kienet tgħid li kienet marradija sa mit-twelid tant li ommha kienet tgħidilha, "Sa tliet xhur ma nafx kif wassalthom għax aktar għixt bil-mediċina milli b'dak li kont nagħtik jiena." L-ewwel tqarbina għamlitha fit-12 ta' Lulju 1931. Dakinhar lil tal-familja ġennithom għaliex kull minuta kienet tinfaġar. Ta' ħdax-il-sena mardet bid-deni tifojde u damet mat-tliet xhur tilgħabha mal-mewt. Meta kellha tnejn u għoxrin sena għamlet l-operazzjoni tal-Appendiċite u tgħid li meta kienet għadha taħt l-effett tal-loppju qalulha li tkellmet ħafna fuq il-Madonna. Tul ħajjitha kollha baqgħet issofri minn ħafna mard u filfatt kien ilha żmien twil tnin bil mod il mod.

    Kienet membru fil-Figlie di Maria, fl-Azzjoni Kattolika, delegata tal-morda u flimkien ma tnax-il tfajla oħra kienet tieħu ħsieb l-adorazzjoni il-Lampa l-Ħajja. Iżda żgur li l-aktar li kienet magħrufa kien għall-għadd kbir ta' familji li resqet biex jagħmlu l-att tal-Konsagrazzjoni, aktar minn ħames mija u ħamsa u sittin familja.

    Ommha ħeġġitha biex tmur l-iskola iżda marret biss xi sena u ħames xhur għax ir-raba kienet tħobbu wisq. Qabel ma kienet toħroġ mid-dar biex tmur il-Girgenti kienet trodd is-salib xi erba' darbiet biex jekk fit-triq tiltaqa' man-nies ma kinitx toqgħod trodd is-salib quddiemhom. Mid-dar sa ħdejn l-erwieħ ta' Ta Brija (ċimiterju antik) kienet tgħid ħames posti rużarju, minn ta' Brija sat-Troll (pont żgħir li jaqsam il-wied) kienet tagħmel viżti lil Ġesù Sagramentat u mbagħad mit-Troll 'il quddiem kienet tagħmel meditazzjoni fuq il-Via Sagra.

    IL-BIDU TAL-VIŻJONIJIET

    Ġuża kienet tgħid li l-kuntatti li kellha mas-Sinjura tal-Ħajja kienu bdew meta kellha madwar ħmistax il sena u seba' xhur. Imbagħad aktar tard bdiet tisma leħen li kien jgħidilha, "Iddefendi l-unur t'Alla mill-misħut vizzju tad-dagħa u tad-diżonestà." Dan il-leħen damet tisimgħu xi tliet ġimgħat. Dwar dan kellmet lill-konfessuri tagħha Dun Ġorg Mercieca u l-San Ġorg Preca. Filfatt hi tgħid li kitbet xi ħames ittri lill-Prim Ministru Sir Paul Boffa fejn ħeġġitu biex jagħmel liġi kontra d-dagħa. Ġara li meta kienet għall-Kungress tal-Isem Imqaddes t'Alla f'Raħal Ġdid, l-Arċisqof M. Gonzi ħabbar li l-Gvern ser jgħaddi din il-liġi. .

    Ta' madwar tmienja u għoxrin sena, Ġuża tgħid li f'viżjoni rat mara b'tarbija fi ħdanha li qaltilha biex tagħmel kopja ta' kif kienet qed taraha. Meta Ġuża weġbitha li ma hiex kapaċi l-Madonna qaltilha, "Agħmel kollox u għid li sar kollox taħt id-direzzjoni tiegħi. Għalhekk aqbad il-ktieb tal-Knisja li għandek fil-kexxun tal-gradenza. F'dak il-ktieb hemm santa tiegħi bil-Bambin fi ħdani. Fuq dik is-santa ħalli dak kollu li inti qed tara fija, neħħi dak li m'intix tara u żid dak li ma hemmx." X'ħin filgħodu ommha marret għall-quddies, Ġuza qabdet din is-santa u b'ġibsa ħamra pinġiet il-libsa u mbagħad b'ballpen kaħla pinġiet il-mant. Is-salib u l-kuruna l-ewwel pinġiethom b'lapes, imbagħad b'ballpen kaħla.

    Skond Ġuża l-Madonna imbagħad ordnatilha biex tieħu s-santa kif impinġija għand fotografu sabiex tkabbarha. Tgħid li meta skużat ruħha mal-Madonna għall-mod kif kienet pinġietha, speċjalment rigward il-kuruna, il-Madonna qaltilha: "Pinġejtni tajjeb ħafna. Dawk id-difetti ppermettejthom jiena biex ikunu prova li x-xoghol sar minn idejn foqra u umli." Ġuża tgħid li kienet il-Madonna li ordnatilha tikteb il-kliem 'Madonna tal-Konsagrazzjoni'. Fil-laqgħa ta' talb ta' Awissu 1986, Ġuża qalet li l-Madonna kienet qaltilha: "Minn ċkuniti jiena kont ikkonsagrata lil Alla u dan it-titolu ħadd ma tahuli mid-dinja imma għoġobni nniżilulek jiena biex tgħidilhom inti bih."

    Ġuża kienet tgħid ukoll li lill-Madonna ratha diversi drabi fil-Girgenti. Darba minnhom fuq is-siġra tan-naspli rat dija kbira, daqs li kieku x-xemx niżlet fuq din is-siġra. Dak in-nhar lill-Madonna ratha b'libsa bajda, mant blu u kienet bil-kuruna f'idejha. Hija wkoll għamlet tpinġija ta' din il-viżjoni u semmietha 'Madonna tal-Girgenti'.

    IL-MESSAĠĠ JINFETAĦ GĦALL-PUBBLIKU

    Kien Monsinjur Salv. Grima, id-Direttur Spiritwali tagħha, li f'Novembru 1983 qalilha biex tiftaħ dan il-messaġġ għall-pubbliku. Mijiet ta' nies kienu jżuruha fid-dar tagħha biex flimkien jitolbu lill-Madonna. Meta fl-1985 Mons. Salvatore Grima kien ġie mistoqsi x'jaħseb dwar Ġuża Mifsud, wieġeb hekk, "Ġejt mistoqsi dwar Ġuża Mifsud rigward it-titoli Madonna tal-Konsagrazzjoni u Madonna tal-Girgenti. Jiena bħala konfessur tagħha nista ngħid li hi ġenwina ħafna u ta' min jorbot fuqha. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi, ta' min jinkoraġġiha biex ix-xewqat tal-Madonna jseħħu."

    Iżda fl-1983, Ġuża tkellmet biss dwar it-titolu 'Madonna tal-Konsagrazzjoni', ma semmiet xejn dwar il-Girgenti. Kien fil-21 ta' Ottubru 1985 li Ġuża telgħet il-Girgenti flimkien ma' Mons. Amante Buontempo u qaltlu fejn kienet rat il-Madonna hemmhekk fuq is-siġra tan-naspli. Kola, ħu Ġuża, qal lill-Monsinjur li dik is-siġra la kienet ġiet miżrugħa u lanqas imħawla, qisha kienet telgħet hemm għal tal-apposta. Meta Monsinjur Buontempo staqsa lil Kola x'sar mis-siġra, dan wieġbu li meta kien għadda l-wied il-kbir ta' Ottubru 1979 l-ilma kaxkarha miegħu. Dwar dan il-messaġġ tkellmet l-ewwel darba fil-pubbliku f'Novembru 1985. Hija qalet li, "fil-lejl tal-Vitorja ta' din is-sena, jiġifieri 1985, smajt lill-Madonna tkellimni u kellmitni fit-tul. Qaltli biex ngħid kif kont rajtha fil-Girgenti. Dakinhar kellha libsa bajda, mant blu u bil-kuruna tar-rużarju f idejha. Qaltli wkoll li fil-Girgenti trid statwa tagħha kif kienet talbitni fis-snin ħamsin."

    Mons. Buontempo kien strumentali ħafna sabiex Ġuza tiftaħ il-messaġġ tal-Girgenti. Qalilha li qabel tagħmel dan hi mhix ser toqgħod bi kwieta. Għalhekk ġie kkuntattjat l-iskultur Anton Agius li ħadem l-istatwa minn fuq ix-xbieha tal-Madonna li kienet għamlet Ġuża stess. L-istatwa tpoġġiet fil-Girgenti nhar il-5 ta' Mejju 1986 u tbierket minn Father Anton Gauci, Ġizwita.

    Ta' min jgħid li oriġinarjament l-istatwa tal-Madonna kienet kulur it-terracotta, iżda fl-1991 xi ħadd mhux magħruf mar żebgħa l-istatwa kulur kannella skur ħafna. Xi ħadd ieħor mhux magħruf reġa' mar żebagħalha l-libsa bajda u l-mant ċelesti. Kien għalhekk li mbagħad inżebgħa l-mant blu skur sabiex tkun tixbaħ lill-Madonna skond kif kienet ratha Ġuża fuq is-siġra tan-naspli.

    VIŻJONIJIET TA' QADDISIN U ERWIEĦ OĦRA

    Il-viżjonijiet li Ġuża tgħid li kien ikollha, ma kienux biss mal-Madonna, iżda ma' diversi qaddisin u erwieħ twajba oħra. Waqt il-laqgħat ta' talb li bdew jiġu organizzati sa mill-1986 Ġuża kienet twassal lil dawk miġbura l-messaġġi li kien ikollha mill-Madonna, minn Ġesù tal-Ewkaristija u minn diversi qaddisin u erwieħ twajba fosthom San Mikiel, San Ġużepp, Santa Tereża, San Padre Pio u oħrajn...

    Fil-laqgħa tat-13 ta' Novembru 1991, Ġuża qalet hekk: "Ngħidilkom illi fl-imgħoddi kelli xi ħaġa minn dak l-imqaddes u mbierek anġlu San Mikiel, meta rajtu fuq dik is-sħaba ftit 'l hemm minn fejn jiena rajt lis-Sinjura tal-Ħajja fil-wied tal-Girgenti. Meta rajtu fuq dik is-sħaba inġazzajt, bniedem misterjuż, imżejjen bl-affarijiet divini li żejnu bihom il-Mulej... Jiena ħa ngħidilkom li hu qalli, 'Inti trid tagħmilha ta' gwerriera għal Malta, li tkun gwerriera ta' Ġesù tal-Ewkaristija u ta' dak li qegħda ġġiblek il-Madonna... Issa trid tuża'... l-korazza, l-elmu u x-xabla għax ħafna ħa jkunu kontrik imma la l-Mulej u l-Madonna wegħduk li ħa jkunu miegħek ħadd ma jista' jagħmillek xejn.'..."

    Kienu diversi d-drabi li Ġuża kienet tgħid li kellha viżżjonijiet minn San Padre Pio. Waħda minnhom seħħet fil-11 ta' Frar 1987. F'din il-viżjoni hi ratu liebes ta' Patri Kapuċċin u ma ratux bħala raġel xiħ kif jidher fuq santa li għandha d-dar tagħha, iżda bħala bniedem sabiħ u żagħżugħ.

    Meta wrieha jdejh qalilha, "Permezz ta' dawn l-idejn bil-pjagi ta' Kristu fihom, jiena batejt bħalma qegħda tbati inti, imma inti qed tbati ħafna u ħafna aktar minni peress li għandek ferita oħra moħbija li ma jaf biha ħadd ħlief il-Mulej u s-Sinjura tal-Ħajja... Inti tant int entużjażmata biex taħdmilha lis-Sinjura tal-Ħajja... u dan qiegħed ikun ta' suċċess kbir mhux għall-art tiegħek biss imma għad-dinja kollha kif iddur... Dment illi inti għadek fid-dinja kompli bati, oħti Ġuża fil-Mulej u fil-Madonna, kompli bati, kompli sofri, kompli umilja ruħek għaliex dak qed jiswa ta' prezz kbir kemm fl-art ta’ Malta u Għawdex u d-dinja kollha. Anka fejn hemm il-gwerer qed jidħol dan il-messaġġ. Għażiża oħti fi Kristu Ġuża, dawk li jippruvaw jitkellmu kliem b'ieħor fuqek, dak it-tort kollu ħa jaqa' fuqhom... kun af illi dawn ma huma ħa jagħmlulek xejn għax miegħek hemm l-Id tal-Providenza t'Alla u l-Id setgħana tal-Madonna li qed twassallek dawn l-affarijiet... Nixtieqek titlob l-Id tal-Providenza t'Alla biex tbierek 'l art twelidek, 'l art tal-Italja fejn kont ngħix jiena u d-dinja kollha speċjalment fejn baqa' ħafna u ħafna nies mingħajr Alla, nies midinbin... Jiena mis-sema nitlob għalik u nitlob lill-Mulej biex ikompli jbierkek."

    Fl-1989, Ġuża qalet li kellha diversi viżjonijiet ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Hi ratha b'kappa bajda fuqha, ħdejha kien hemm pjanta bil-fjuri bojod u kienet mgħannqa mas-salib li Ġuża għandha fil-"kappella tal-Madonna" fid-dar tagħha. Skond Ġuża, Santa Tereża qaltilha, "Inti qegħda zzomm ħajja b'Ġesù tal-Ewkaristija. Issewwidx qalbek, itlob, u lil Ġesù għidlu li inti qegħda martri tal-mard taż-żmien tallum... Meta t-tbatija tkun ġejja minn Alla u jkun hemm ir-rassenjazzjoni bil-qalb, jitfarrku ċertu qlub taż-żonqor u jsiru qlub tal-laħam."

    Dwar il-viżjonijiet li Ġuża kellha minn San Ġużepp hija tgħid hekk: "Illum is-Sibt, l-aħħar ġurnata ta' Settembru 1995... Dan San Ġużepp qalli: 'Għażiża Binti, fil-passat, meta konna fid-dinja aħna, jiena u s-Sinjura tal-Ħajja flimkien mal-Mulej Ġesù kif tgħid inti, kien hawn ukoll tħarbit u ħażen. L-għira waslet biex lill-Iben t'Alla li ġie biex jagħti l-paċi lid-dinja u jgħaqqad in-nies bl-imħabba, ineħħuh mid-dinja... F'dan iż-żmien id-dinja kollha għaddejja minn kalvarju kbir ta' dlam, ta' ħażen, nies bla ħniena, nies li jivvintaw id-dlam, il-gwerer, nies li minflok li jużaw il-ħniena bħal aħwa jużaw il-meżżi tal-kalvarju li għaddejja minnu d-dinja, strumenti kbar u koroh tal-gwerer, qed jitneħħew ħafna nies ta' qalbhom tajba, nies innoċenti iwarrbuhom minn nofs biex isaltnu dawn in-nies vjolenti, nies ta' qalbhom iebsa daqs il-bronż... Itlob ħafna għall-bżonnijiet tal-Knisja, għall-bżonnijiet tar-rappreżentanti tal-Knisja b'mod speċjali għall-Papa. Ir-rappreżentanti tal-ġnus iduru kontra t-tajjeb, lit-tajjeb ma jistmawhx u qegħdin joqtlu u jwarrbu ħafna nies li huma ta' rieda tajba... Irreferi ħafna għall-paċi... Il-Mulej Ġesù ġie fid-dinja biex iġib il-paċi, l-għażiża Madonna qegħda tidher biex iġġib il-paċi fid-dinja..."

    L-EWKARISTIJA U L-PASSJONI TA' KRISTU

    Il-Ħamis 2 ta' Ġunju 1988 kienet ġurnata kbira ħafna fil-ħajja ta' Ġuża Mifsud. Guża tirrakkonta li dakinhar kellha għandha lil Dun Danjel Farrugia jqaddsilha quddiesa (fil-'kappella' li għandha d-dar tagħha) u tgħid li meta wasal fil-ħin tal-konsagrazzjoni hi lemħet affarijiet kbar fl-Ostja u lis-saċerdot qaltlu, "Father, jekk jogħġbok żommha ftit dik l-Ostja għax f'dik l-Ostja jiena qed nara xi ħaġa l-aktar kbira, qegħda nara lil Ġesù qiegħed ibati, qiegħed ibati ħafna... Jiena rajt lil Ġesù inkurunat bix-xewk u dmija ma’ wiċċu u smajtu jgħidli, '...tant qed nirċievi disprezzi u nirċievi affarijiet ħżiena minn dawk in-nies li qegħdin jirċivuni ħażin, u l-aktar minn dawk li jidgħu bl-Ostja... Jiena tajtu tant imħabba lill-bniedem u issa ħafna bnedmin li huma b'qalbhom niexfa, qalbhom tal-azzar, iebsa, jgħidu kontra l-Ewkaristija, tqarbin ħazin bl-addoċċ u rigward anka rrid insemmilek dak it-tqarbin bl-idejn, dawk l-idejn li jkunu idejn sagrilegi... għax għal idejhom jiġi kollox, anka joqtlu lil ħuthom. Dik l-ostja li jtihom is-saċerdot f'idejhom qegħdin jużawha wkoll għall-quddiesa s-sewda, għall-quddiesa tax-xitan, li jinqeda biha x-xitan, li tant qegħda ssir ħsara kbira fid-dinja rigward iż-żgħażagħ. Nixtieqek ħafna li tqajjem ħafna devozzjoni kbira lejn din il-ġrajja kbira li saret ġo din id-dar fqira fejn ta' sikwit ikollok kuntatt ma' Ommi u ma' Ommok illi hija l-Madonna…"

    Ġuża kienet inkwetata ħafna għax beżgħet li ma hix ser tkun kapaċi taqdi dmirijietha lejn l-Ewkaristija, iżda l-fatti wrew xort'oħra. Sa dakinhar kienet spiss issemmi l-kobor tal-Ewkaristija iżda minn dakinhar 'il quddiem tista' tgħid li l-Ewkaristija kienet il-qofol ta' kull messaġġ li wasslet u min kien ikun preżenti għall-laqgħat fil-Girgenti żgur li jiftakar b'liema ħeġġa, ħlewwa u mħabba kienet titkellem dwar dan is-sagrament hekk kbir. Ta' min jgħid illi fil-laqgħat ta' Ġunju u ta' Lulju 1988, kienu seħħew xi fenomeni fix-xemx. Din bdiet iddur ħafna u tibdel il-kuluri. Ħinijiet kienet tidher bajda qisha ostja kbira ta' saċerdot. Fenomeni oħrajn ġieli seħħew waqt laqgħat oħra.

    F'messaġġ irrekordjat minn Ġuża fl-24 ta' Ġunju 1994 hija qalet, "Illum jiena kelli viżjoni kbira ħafna fuq Ġesù tal-Ewkaristija li m'għandhiex x'taqsam ma' l-affarijiet tad-dinja u tal-art għax jiena rajt lil Ġesù tal-Ewkaristija u ħafna anġli sbieħ jagħtuh adorazzjoni bl-inċens f'idhom. Araw x'imħabba kbira għandu jkollna lejn l-Ewkaristija.

    Rajt kwantita, eluf ta' anġli jaduraw b'wiċċhom fl-art, jagħtu qima lil Ġesù tal-Ewkaristija. L-ilbies ma ngħidilkomx kif kien. Min kien liebes l-abjad, min kien liebes kulur aħdar sabiħ, sabiħ ħafna, min kien liebes kulur ħafna sabiħ ċelesti, min kien liebes kuluri ċari fir-roża, zgħażagħ divini.

    Ngħidilkom li l-ġebel immermer li għandi fid-dar sarli kollu affarijiet immensi sbieħ. Fil-ħin tal-viżjoni l-ġebel ma naraħx immermer, narah ileqq, kullimkien ikolli d-dawl, kullimkien ikolli d-dija, kullimkien rajt ħafna raġġi dal-lejl, raġġi ta' fided sbieħ imma dawk kienu neżlin mis-sema..."

    Il-passjoni ta' Kristu kien suġġett li Ġuża Mifsud kienet spiss titkellem dwaru. Tista' tgħid li f'kull laqgħa kienet tfakkar kemm ħabbna Kristu li ħa passjoni daqshekk kbira sabiex jifdina. Hi kienet tħeġġeġ lill-ġemgħa sabiex kulħadd jaħseb u jimmedita fuq din il-passjoni ħalli lkoll napprezzaw dak li Kristu għamel magħna wara li ħallilna lilu nnifsu fl-Ewkaristija.

    F'messaġġ illi Ġuża kienet irrekordjat fit-28 ta' Marzu 1991, Ħamis ix-Xirka u l-għada l-Ġimgħa l-Kbira, hija qalet, "...Minn Ħadd il-Palm sallum li huwa Ħamis ix-Xirka imxejt pass pass mal-passjoni mqaddsa tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. ...F'nofs illejl kelli viżjoni ħajja ta' Ġesù. Iltqajt ma' Ġesù taħt is-salib qiegħed ibati, b'dik il-kuruna tax-xewk ma' rasu, bis-salib fuq spallejh, dmija tqattar minn rasu u l-għajnejn ta' Ġesù qasmuli qalbi b'dik il-ħarsa ħanina u qaddisa... U meta smajtu jgħid, 'Binti, ma stajt nagħmel xejn aktar u akbar milli għamilt f'dan il-lejl qaddis u prezzjuż li permezz tiegħu ħallejtilkom dan il-miraklu ħaj u divin fl-Ewkaristija', m'għandkomx idea x'ħassejt... Dawk l-għajnejn divini ta' Ġesù ngħidilkom li ppenetrawli qalbi, nifduli qalbi għax dik il-ħarsa divina ta' Ġesù fissret ħafna għalija."

    Fil-laqgħa ta' April 1989 Ġuża qalet, "...Il-lejl kien terribbli għal Ġesù li rajtu ħiereġ mingħand Pilatu b'saqajh kollha dmija. Mat-taraġ immarka d-dmija hu u nieżel... Dana tara bniedem qegħdin isawtuh, qegħdin jagħtuh bil-ponn, ma ngħidilkomx kemm sofriet qalbi dak il-ħin... Rajtu direttament... mhux fuq karta pesta, mhux fuq statwa, mhux pinġut fuq ġebla... Persuna divina ġejja mis-sema, persuna li batiet ħafna, persuna li ma kinitx tiflaħ għal dik it-tbatija li kieku ma kinitx il-veru Iben t'Alla...

    Ġesù qalli, '...Inti trid tbati bħala vittma għall-maħfra tad-dnubiet tal-paroċċa tiegħek, tal-gżejjer tiegħek... L-aktar li sogħbieni Jiena... illi tant għamilt ġid lil ħuti, tant qajjimtilhom mejtin, tant fejjaqtilhom morda u huma biex ħallsuni? Ħallsuni bil-kuruna tax-xewk,... bis-swat. Dalwaqt tara viżjoni oħra li ħa tbikkik.'

    U veru bikkitni din il-viżjoni... Meta wasal il-ħin qalulu, 'Stabat fuq is-salib ħalli nibdew nagħtuk bl-imrietel fuq idejk u fuq saqajk'... L-aktar li bata Ġesù fuq idu x-xellugija li refa' s-salib u fuq riġlu l-leminija li refgħet il-piż. Imbagħad bdew jinqatgħu il-vini minnu... Ġesù qalli, 'Imma jiena... l-aktar li batejt bil-kuruna tax-xewk... biex inkun ta' tbatija għal dawk in-nies li qegħdin jaħsbu kif ħa jagħmlu vendikazzjoni lejn dak, bil-mibegħda lejn dak... lil min ħa jmorru joqtlu, x'qegħdin jipprinċipjaw il-kbar għall-gwerer...'

    Imbagħad rajt qisni ħames persuni f'dik il-viżjoni illi qabdu jneħħulu dik l-imqaddsa u l-imbierka ta' libsa illi kienet imwaħħla miegħu b'ħafna feriti, dak id-demm... Kemm qalli affarijiet fuqha dik il-biċċa xogħol, qalli, 'Dak qed inpattih għal min jitfa' ruħu fid-dnub rigward l-imqaddsa purità u l-imqaddsa kastità... Tkellem fuq kemm batejt meta neħħewli il-libsa mqaddsa minn fuqi.''

    IL-MISSJONI INTERNAZZJONALI TA' ĠUŻA

    Ġuża kemm-il darba qalet li aħna ma għandniex inkunu egoisti fit-talb tagħna, imma li għandna nitolbu għal kulħadd għaliex aħna lkoll aħwa fi Kristu. Filfatt waqt id-diskorsi tagħha u waqt it-talb tagħha Ġuża spiss kienet issemmi xi mexxejja tal-ġnus u kienet tikkundanna l-gwerer u l-qtil u l-moħqrija ta' nies innoċenti. Il-missjoni ta' Ġuża kienet waħda internazzjonali, is-sehem tagħha ma kienx limitat għal kliem biss iżda kienet tibgħat diversi ittri b'messaġġ ta' paċi lil diversi presidenti u mexxejja. Fis-snin tmenin batet ittri lill-Prim Ministru ta' Israel Shamir, lil Ayotallah Khomeini ta' l-Iran, il-Kurunell Mengistu Haile Mariam ta' l-Ethiopia, lil Jose Napoleon Duarte ta' El Salvador, Saddam Hussein ta' l-Iraq, Il-President Reagan, il-Presdient Gorbachev u l-Prim Ministru Margaret Thatcher. Reġgħet kitbet lill-Presidenti Bush u Gorbachev qabel il-mawra tagħhom f'Malta u fiż-żmien tal-gwerra tal-Golf kitbet żewg ittri oħra lill-Presidenti Bush u Sadam Hussein. Xhieda konkreta ta' dawn l-ittri huma tliet acknowledgements li Ġuża rċeviet mingħand il-President George Bush.

    Ġuża ħadmet bis-sħiħ għall-paċi. Fil-laqgħa ta' Frar 1987 hija qalet, "minn Malta trid issir il-vera paċi biex tgħaqqad id-dinja kollha." Imbagħad fil-laqgħa ta' Diċembru 1989 li seħħet eżattament waqt is-summit li l-Presidenti Bush u Gorbachev kellhom f'Malta, Ġuża qalet, "Illum li għandna 3 mix-xahar ta' Diċembru ħa ngħidilkom illi saret l-ewwel ġebla tal-bażilika li trid is-Sinjura tal-Ħajja fil-Girgenti għaliex batet lil Gorbachev u lil Bush... Bħalma għidtilkom xi sena u nofs ilu, l-paċi minn hawn, minn Malta trid tibda. U minn hawn ħa tibda' l-paċi. Għalhekk ġabitni l-Madonna hawn jiena... Rajna l-bidu tal-paċi jseħħ f'Malta." Ilkoll nafu li dik il-laqgħa bejn dawn iż-żewġ Presidenti ġabet maghħa t-tmiem tal-gwerra l-bierda.

    TALBIET MILL-MADONNA

    Matul is-snin kienu diversi t-talbiet li l-Madonna għamlet lil Ġuża. Barra l-istatwa li kif għidna Ġuża ttellgħet fil-Girgenti nhar il-5 ta' Mejju 1986, il-Madonna riedet ukoll l-ilma. Fil-laqgħa ta' Mejju 1988, Ġuża qalet li l-Madonna kienet qaltilha, "Binti, hemmhekk jiena rrid ftit ilma.' Għidtilha, 'Madonna, jien dan l-ilma kif ħa nagħmlu?' Hija tatni d-direzzjonijiet kollha u qaltli, 'Xejn tara bi kbir, saru tant affarijiet... Jekk inti tobdini u tagħmel dak li qed ngħidlek, kważi l-Girgenti ħa jkun sar kollox." Guża kompliet tgħid, "Għad baqalna li rridu nagħmlu l-knisja kif trid hi... u li hu miktub minn Alla kollox irid jgħaddi... Dan l-ilma l-Madonna ħa ttihulna biex isiru ħafna affarijiet spiritwali u temporali kemm fil-gżejjer tagħna u kemm 'il barra mill-gżejjer tagħna... Il-Madonna qaltli li ħa jfiqu ħafna erwieħ fir-ruħ, li jiġu hawn billejl, ma jarahom ħadd, jixorbu mill-ilma u jaraw il-grazzja t'Alla." Imbagħad Ġuża tefgħet fil-ħawt xi ilma li ġabet magħha mid-dar u li skond kif qalet kienet messitu l-Madonna. Aktar tard Mons. Buontempo bierek l-ilma..

    Hija wkoll ix-xewqa tal-Madonna li fil-Girgenti tinbena knisja u li din il-knisja tfittex issir, biex tkun għas-servizz tal-Maltin, l-Għawdxin u l-barranin. Ġuża tgħid li l-Madonna qaltilha, "Il-knisja bħalma għedtlek, trid tkun irriservata għall-Mulej Alla, Ġesù, l-Ispirtu s-Santu, jiena l-Madonna, l-għarus divin tiegħi San Ġużepp u l bqija tas-sema biex minn hawn is-sema ikollha tifħir u tifħir l-aktar kbir... U jiena ħa ngħidlek, binti, illi l-knisja trid tkun ħafna umli, sempliċi, imneżża minn kull ħaġa li tiġbed l-għajn. Li jiġbed l-għajn huwa li minn hawn jitla' ħafna tifħir lis-sema kollu t'Alla. Hawnhekk għandu jkun post nadif mill-menti, mill-ħsieb, mill-ilsien u minn dak kollu li tirrakkomanda d-dinja għall-pjaċiri qarrieqa tagħha. Hawnhekk ghandu jkun post l-aktar riservat biex jagħti ġieħ, glorja u qima lill-Mulej."

    Fil-laqgħa ta' Settembru 1989 Ġuża telgħet il-Girgenti liebsa libsa sewda li fuqha kellha strixxa bl-ittri M. G. S. M. G. Dakinhar Ġuża qalet li l-Madonna kienet qaltilha li hi ser tkun l-ewwel Madre tal-Madonna tal-Konsagrazzjoni u li ser tibda tissejjaħ Madre Marija Ġuża. Qalet ukoll li jrid ikun hemm is-Sisters Madonna tal-Konsagrazzjoni ħalli meta tinbena l-knisja din tinżamm miftuħa. Il-Madonna qaltilha, "Il-Knisja trid tinfetaħ u tibqa' miftuħa u intom is-sisters tridu tkunu madwar il-Knisja meta jiġu kemm il-Maltin u l-Għawdxin u kemm nies barranin, turisti... Sorijiet inti trid tirċievi mill-erba' nħawi tad-dinja... Tridu taħdmu għal kulħadd, m'hemm ħadd illi jkun għadu tagħkom. Tridu taħdmu id f'id, bil-paċi ma' kulħadd kemm f'artkom u kemm barra minn artkom, bħalma għamilt int matul ħajtek..."

    Ġuża tkompli tgħid illi f'viżjoni li kellha mas-Sinjura tal-Ħajja fil-lejl ta' sbieħ is-Sibt 24 ta' Settembru 1994 fit-3.00a.m., l-Madonna reġgħet qaltilha, "Inti trid tmut b'libsa ta' reliġjuża... L-appostolat tiegħek għamiltu vittma ġod-dar matul dawn l-erbatax-il sena tissaporti l-faqar, l-abbandun tad-dinja u l-inkwiet tan-nies." Ġuża qalet, "Il-Madonna trid li l-vokazzjoni tiegħi nkompliha f'din id-dar fqira u sempliċi li nagħraf ix-xejn tiegħi fejn il-qdusija u l-kobor ta' Alla, tal-kbir Mulej Ġesù li tant qiegħed jipproteġini." Ġuża tat ukoll spjegazzjoni tal-ħames ittri u qalet li dawn ifissru: Mulej, Ġesù, Spirtu s-Santu, Madonna u San Ġużepp u ħalliet bil-miktub ir-regolamenti li għandhom ikunu mħarsa mis-Sorijiet Madonna tal-Konsagrazzjoni fil-ġejjieni.

    Fil-laqgħa ta' Mejju 1992, fl-għalqa tal-Girgenti tbierek salib kbir li ġie mqiegħed hemmhekk ukoll skond id-direzzjoni tal-Madonna. Wara li faħħret u rringrazzjat lil Alla u lill-Madonna u talbet għal dawk preżenti u għall-bżonnijiet tad-dinja, Ġuża qalet, "O salib imqaddes, komfort tat-tribulati, minnek nisperaw li Malta u Għawdex tagħna u d-dinja kollha jkunu kkonfortati u nkunu kkonsolati u jkollna l-barka t'Alla fuqna għax fuq kollox dak li rridu aħna li jkollna l-paċi tal-qalb... Ħa ngħidilkom ħbieb, minn dik l-għuda tas-salib kulħadd irid jerfa' naqra..."

    Ħaġa oħra li tiġbed l-għajn meta wieħed jitla' l-Girgenti hija l-qanpiena li hemm fuq il-kamra. Tajjeb li jingħad li ma din il-qanpiena hemm marbuta grazzja spiritwali ta' persuna li kienet tidgħi ħafna iżda għall-grazzja t'Alla kkonvertit. Din il-persuna tat xi flus lil Ġuza sabiex issir qanpiena fil-Girgenti ħalli bl-ilsien tagħha tfaħħar lil Alla u s-sema kollha u hekk tpatti għal dak it-tkasbir li kienet tagħmel. Aktar 'il quddiem Ġuża qalet li hija x-xewqa tal-Madonna li jindaqqu 5 tokki, 3 b'rispett lejn it-tliet persuni tas-Santissima Trinita, oħra għall-Madonna, u l-oħra għal San Gużepp u b'tifħir lis-sema kollha. Din iċ-ċeremonja ssir fil-laqgħat li jsiru l-Girgenti fl-ewwel u t-tielet Ħadd ta' kull xahar.

    GRAZZJI MAQLUGĦA

    Barra l-grazzji spiritwali inqalgħu u għadhom jinqalgħu ħafna u ħafna grazzji materjali bl-interċessjoni tal-Madonna u ta' Ġuża Mifsud. Wieħed mill-każijiet l-aktar importanti huwa bla dubju dak ta' Doris Attard minn Haż-Żebbug li ġara fl-1984. Doris kellha idha kienet nitnitilha, tant li lanqas tal-familja ma kienu jifilħu r-riħa tinten li kienet toħroġ minnha. Kellha uġigħ fi driegħha kollha li ma kien iħalliha tagħmel xejn u lanqas tistrieħ, tant li kien ikollha toqgħod fis-sodda. Ma kienx hemm tama ta' fejqan tant li kienet ser issirilha operazzjoni sabiex idha tinqata' barra biex issalva ħajjitha.

    Doris marret għand Ġuża u kif tgħid hi stess, "Jien lil Ġuża ma kontx nafha u lanqas hi ma kienet taf lili. Mingħajr ma jien kont għadni lissint kelma, Ġuża qaltli, 'Il-Madonna se tfejqek!' Hi ressqitni quddiem l-inkwadru tal-Madonna tal-Konsagrazzjoni biex nitolbu flimkien. Ħaġa straordinarja, dak il-ħin, minn idi nfaxxata dejjem tinten, ħarġet riħa tfuħ!

    Għand Ġuża bdejt immur spiss, darba, darbtejn fil-ġimgħa sa minn April 1984. Kull darba li kont nitlob magħha quddiem l-inkwadru tal-Madonna, kont inħoss moviment f'idi. L-isptar kienu qaluli li rimedju wieħed kien hemm, li jaqtgħuli idi. Imma Ġuża kienet qaltli, 'Ara li ma jfettillekx taqta' xi id! Idek ħalliha fejn hi għax il-Madonna se tirranġalek kollox.' U hekk ġara.

    Idi bdiet tfiq, marret l-intiena, marret is-swidija u s-swaba' bdejt inħaddimhom bħal tal-lemin. Idi fieqet għal kollox bla ebda kura medika. Meta kont mort għand il-Professur (Dr. J. E. Casaletto) u ra idi bajda mfejqa għal kollox stagħġeb u qalli, 'dan miraklu' u għamilli ċertifikat ta' dan il-fejqan straordinajru."

    Rapport ta' Mario u Maryanne Farrugia

    Kien it-Tlieta, 2 ta' Marzu 1999, meta Mario mar iqajjem it-tifel fis-6.00a.m. biex ilesti ruħu għall-iskola. Mill-iskola, għal xi l-għaxra, it-tifel ċempel lil ommu u qalilha li kien se jiġi lura d-dar għax ma kienx jiflaħ. X'ħin kien lura d-dar, ommu ppruvatlu t-temperatura u sabitlu deni ta' 103. Ġabitlu t-tabib u dan qalilha li t-tifel ma kellux ħlief riħ ħafif u xejn gravi.

    Mingħajr telfien ta' żmien, it-tifel beda course ta' pilloli u minn ħin għall-ieħor, il-ġenituri tat-tifel kienu joħdulu t-temperatura li ma dametx wisq biex telgħetlu għal 105. Għalhekk, il-ġenituri kellhom jibqgħu mat-tifel u ma ċċaqilqux minn ħdejh. Bdew jagħmlulu ħall-il-ward u silġ flimkien mal-pilloli tal-Panadol.

    Daħal il-lejl. Għal xi nofs-il lejl, marru jqajmu lit-tifel biex jagħtuh il-pilloli u sabu li ma kienx jista' jieħu nifs sew. Beda jixrob ħafna ilma u bdiet tuġgħu żaqqu għax ma setax jagħmel il-bżonnijiet tiegħu għax l-organi tal-ġisem ma kienux jaħdmu; dan kien effett tal-marda li ħakmitu. Id-deni ma ried jinżel b'xejn.

    Mario u l-mara ddeċidew li jieħdu t-tifel l-isptar; imma peress li t-tifel ma setax jimxi, ċemplu għall-ambulanza. Imma din waslet mingħajr tabib jew nurse. Kif waslu l-isptar daħlu fl-Emerġenza. Mill-ewwel bdew jeżaminaw lit-tifel. F'ġismu sabulu rash. Minnufih ħadulu d-demm u rriżulta li t-tifel kien qed ibati minn meninġite u kien gravi ħafna għax il-kwalita ta' din il-meninġite kienet twassal għal koma u brain damage , u konsegwenzi oħra.

    Dak il-ħin stess it-tabib sejjaħ tobba oħra biex jiġu jgħinuh għax il-marda kienet daħlet 'il ġewwa u saret fatali. Daħħlu lit-tifel fl-I.T.U. u Mario u l-mara qagħdu jistennew barra fil-kuridur. Dan kien f'xi l-4.00a.m.

    Xi sagħtejn wara ġie l-professur. Mario jkompli jirrakkonta kif ġej: Il-Professur sejħilna u qalilna, "Il-marda daħlet 'il ġewwa u talb biss irid ikun għalih; aħna għamilna ħilitna kollha. Issa Alla jrid ikun għalih, għax lanqas 1% m'għandu ċans li jgħix!"

    "Jien u ħiereġ," kompla Mario, "kienu xi l-11.30a.m., ħarġu pazjent minn hemm stess, u huwa u ħiereġ, waqgħetlu santa u jiena ġbartha. Il-mara qaltli, 'X'se tiġborha tagħmel?' Jien kelli qalbi maqtugħa għal kollox, imma x'ħin ġbart is-santa tant ġietni fiduċja kbira li t-tifel kien se jfiq.

    Ħaġa tal-iskantament, kif ġie t-tabib staqsiena fuq it-tifel u aħna weġibna li ma konna nafu xejn. Allura hu daħal jara hu stess u sab li t-tifel ma komplix jiggrava. Dik is-santa li ġbart kienet is-santa tal-Madonna tal-Konsagrazzjoni.

    Dak ir-raġel li waqgħetlu s-santa, wara jumejn, miet! It-tifel tagħna ma damx ma ħareġ mill-I.T.U! It-tifel qatta' tliet ġimgħat oħra l-isptar għal aktar kura. Illum jinsab tifel bħall-oħrajn mingħajr konsegwenzi tal-marda, għax seta' baqa' mmankat!"

    IL-MEWT TA' ĠUŻA

    Ruħ Ġuża ttajjret għand il-Mulej nhar it-Tnejn 28 ta' Ottubru 1996. Waqt il-funeral tagħha li sar l-Erbgħa 30 ta' Ottubru 1996, Mons. Carmelo Xuereb, Vigarju Emeritus qal hekk, "Ġuża kompliet sa' l-aħħar bis-serenità kollha tistenna l-mument li fih kellu l-Mulej isejjħilha għal ħdanu... Kienet qegħda tipproġġetta biex tmur f'dar tal-anzjani u... proprju meta ser tmur il-Mulej sejħilħa għal ħdanu. Imma hi laqgħet il-mewt bl-akbar serenità u hija ħaġa ovvja, għaliex Ġuża ma kellix rabtiet mad-dinja. Il-qaddisin ma jkollhomx rabtiet mad-dinja..."

    Hija tinsab midfuna f'qabar numru 265 fiċ-Ċimiterju 'Madonna tal-Karmnu' fis-Siġġiewi.

    GĦELUQ

    Waqt id-diskorsi tagħha Ġuża kienet tikkundanna l-mibegħda, il-qtil ta' nies innoċenti kemm bil-gwerer kif ukoll bl-abort, id-dnubiet kontra l-imqaddsa purità, in-nuqqas ta' fidi u d-disprezzi li jirċievi Ġesù tal-Ewkaristija b'mod speċjali waqt il-quddiesa s-sewda filwaqt li kienet tisħaq ħafna favur l-imħabba lejn is-Santissima Trinità, l-Madonna u lejn il-proxxmu tagħna. Żgur li fost dawk li kienu jisimgħuha għadu jidwi l-appell tagħha biex ma nkunux egoisti fit-talb tagħna, biex naħdmu għall-vera paċi, li għandna noffru t-tbatijiet u l-mard tagħna għall-bżonnijiet tad-dinja u għall-konverżjoni tal-midinbin, biex napprezzaw it-tbatija li bata Kristu għalina u kemm għandna nirringrazzjawh talli ħallielna lilu nnifsu fl-Ewkaristija.

    Il-ħeġġa, l-ħlewwa u l-imħabba li kienet titkellem bihom meta ssemmi l-Ewkaristija żgur li jibqgħu imnaqxxin fil-qalb ta' kull min semagħha.

    Kwalitajiet oħra li kienu jispikkaw fiha kienu l-umiltà, is-sempliċità, il-modestja u l-fidi kbira f'Alla. Ħaġa oħra li kienet timpressjona lil kulħadd kienet it-tbissima li qatt ma għebet minn fuq fommha, xhieda tal-paċi li kellha f'qalbha.

    Għalkemm Ġuża ma għadhiex magħna iżda kliemha għadu jidwi fil-moħħ u l-qlub ta' ħafna. Żgur li mis-sema qegħda titlob għalina sabiex dak li hi żergħet fl-inħawi tal-Ġirgenti ikompli jikber ħalli aktar erwieħ jersqu lejn Alla permezz tal-Verġni Marija u f'Malta u d-dinja ssaltan il-vera paċi tal-Mulej.

    Informazzjoni mehuda mis-serje ta' seba' kotba bl-isem "It-Twaqqif ta' Titular Ġdid, Il-Madonna tal-Konsagrazzjoni", miktuba minn Dr. Sylvana Spiteri u maħruġa mill-Kumitat Moviment Madonna tal-Konsagrazzjoni.

    KONSAGRAZZJONI TAL-QLUB TAGĦNA LILL-MADONNA

    O Marija, Sultana tas-Sema u tal-Art, Inti fissirt aktar minn darba x-xewqa li tara d-dinja kkonsagrata lill-Qalb Tiegħek bla tebgħa.

    Imqanqal minn din ix-xewqa tiegħek, illum qiegħed ninxteħet f'riġlejk biex nikkonsagra ruħi kollni kemm jiena Lilek.

    Nikkonsagralek qalbi: ħeġġiġha bl-imħabba l-aktar sinċiera lejn Ibnek Ġesù u lejn ħuti l-bnedmin.

    Nikkonsagralek moħħi: erfagħli ħsibijieti lejn is-Sema pajjiżi u la tħallix li t-tlellix tad-dinja u l-qerq tad-demonju jgħammxuli għajnejja u jnissuni l-wegħdiet tal-Magħmudija tiegħi.

    Nikkonsagralek ħajti kollha: Jiena tiegħek, agħmel minni appostlu ħabbrieki fost dawk li tilfu t-triq tas-sewwa u li bi dnubiethom qegħdin iweġġgħu lil Ibnek Ġesù.

    O Marija, Omm l-aktar ħelwa u l-aktar ħanina, sejjaħ il-bnedmin kollha għal twemmin wieħed.

    Xejjen il-qawwa tad-demonju u ħares dejjem lill-Knisja Mqaddsa t'Alla.

    Bierek 'il Papa u lill-Isqfijiet magħqudin miegħu. Kabbar l-għadd ta' Saċerdoti qaddisa u żid fin-numru ta' dawk li jkunu lesti biex jikkonsagraw rwieħhom Lilek b'ġenerożità u mħabba l-aktar leali u sinċiera.

    Fl-aħħarnett, nitolbok O Madonna, biex iżżomm taħt il-mant tal-protezzjoni tiegħek kemm lili kif ukoll lil ħuti l-bnedmin kollha ħalli, wara li nkunu għexna ħajja konsagrata Lilek, jistħoqqilna nagħmlu mewta tajba u nakkwistaw l-hena ta' dejjem ġewwa l-Ġenna. Hekk ikun.

    Tliet Ave Marijiet fill-Madonna
    Nihil obstat
    16 Nov. 1984
    Jos. Lupi
    Cens. Theol.

    Imprimatur
    die 16 Nov. 1984
    Can. C. Xuereb
    Vic. Gen.
About Us

The Movement of Our Lady of Consecration was founded by Guza Mifsud in 1987 mainly to spread devotion towards the new title “Our Lady of Consecration”. Notwithstanding Guza’s demise in 1996, the Committee still organises prayer meetings and is also always pleased to offer its assistance to those who visit the shrine at Girgenti and Guza’s house in Siggiewi, Malta.